Logo of Fondazzjoni Teatrali Silvio Fleri Soler, theatre organisation in Malta.

Fondazzjoni Teatrali Silvio Fleri Soler

Silvio Fleri Soler twieled ġewwa Ħal-Tarxien fis-6 ta’ April 1940. Ta’ 9 snin, missieru kien qabbdu biex ikun suġġeritur f’reċta u minn hemm bdiet in-namra tiegħu lejn il-palk. Huwa ingħaqad mal-Golden Stars bħala suġġeritur u wara bosta snin beda jikteb u jidderieġi bosta produzzjonijiet fit-teatru Manoel, f’dar il-Mediterran u fl-Istitut Kattoliku.

Huwa għamel żmien twil bħala segretarju u direttur teatrali ġewwa id-Domus ta’ Bormla u wara ingħaqad ma Aniċi Jnr biex temm il-karriera tiegħu ma l-għaqda ‘Qawmien’ ġewwa Ħal-Qormi fejn hemm kien ġie ippremjat bit-titlu ta ġieħ Ħal-Qormi. Huwa ħadem ma bosta atturi prominenti f’pajjiżna fosthom, Marika Mizzi, Vitorin Galea, Josephine Mahoney, John Suda, Hector Bruno u bosta ohrajn.

Silvio għadda għall-ħajja ta dejjem fid-9 ta’ Awwissu 2017. Din il-fondazzjoni issemmiet għalih li għalkemm ħafna drabi kien ikun wara l-kwinti, xtaqna nonoraw ix-xogħol kbir li għamel li ħalla impatt fuq bosta nies.

Għalhekk bħala memorja tiegħu ġiet iffurmata din il-Fondazzjoni Teatrali f’isem Silvio Fleri Soler li tilqa’ fi ħdana edukaturi u eks-edukaturi kif ukoll eks-studenti tal-iskola Liċeo il-Ħamrun, minn fejn nibtett l-idea tal-fondazzjoni. Iżda l-Fondazzjoni tilqa wkoll membri volontier ġodda wkoll li fil-maġġoranza tagħhom huma żagħażagħ sabiex inkomplu nkabbru din il-komunita’ li ħloqna fit-teatru. B’mod uffiċjali l-Fondazzjoni Teatrali Silvio Fleri Soler ingħaqdet mal-Uffiċju tal-Kummisjoni għall-Organizzazzjonijiet Volontarji f’Mejju 2023 bħala VO/2428.